GĦAJNUNA | ENGLISH VERSION
Introduzzjoni
Is-Sentenzi Online huma servizz ta` l-eGovernment li qed joffri
l-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Intern biex kemm jista` jkun
dejjem aktar klienti jgawdu l-benefiċċji tat-teknoloġiji ta`
l-informazzjoni u l-kommunikazzjoni. Dan is-servizz jiġbor antoloġija
ta` sentenzi ta` Qrati Maltin mill-1944 `l hawn. Ir-riċerkatur ser isib f`din
il-ġabra ta` sentenzi, dawk fost l-aktar deċiżjonijiet
importanti tal-Qrati Maltin
Sentenzi Online huma għodda qawwija ta` tiftix elettroniku maħsuba biex taqdi
lill-Ġudikanti, avukati, nutara, prokuraturi legali, impjegati tal-Qorti,
studenti tal-Liġi, ġurnalisti u lill-pubbliku. Is-servizz hu b`xejn,
mingħajr limitu t`użu u mingħajr nollijiet għal min irid
iniżżel kopji tas-sentenzi.
Sentenzi Online joffri erba' servizzi:
Selezzjoni ta' Sentenzi
Arkivju ta' Sentenzi 2001 'il quddiem
Sentenzi ta' l-Aħħar 12-il Xahar
Sentenzi ta' l-Aħħar 15-il Ġurnata
Is-sistema tas-Sentenzi Online, minbarra sentenzi finali, turi wkoll sentenzi in parte. Wieħed jista' jiddistingwi bejn dawn iż-żewġ tipi ta' sentenza billi:
(a) imur fil-paġna fejn turi d-dettalji sħaħ fuq is-sentenza; jew inkella,
(b) mid-dokument tas-sentenza stess. Fl-aħħar ta' kull dokument se jkun hemm it-tip tas-sentenza (jiġifieri jekk mhux sentenza finali jew sentenza in parte). Filwaqt li s-sentenzi in parte kollha se jidhru fis-sistema, il-faċilita' li tiddistingwihom minn sentenzi finali se tkun biss fuq dawk is-sentenzi mdaħħla wara Ġunju 2003.
Sentenzi Online huma miftuħa erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, sebat ijiem
fil-ġimgħa u jistgħu jinqraw minn kull fejn hemm
aċċess għall-Internet f`Malta u Għawdex u barra minnhom.
Is-servizz jikkumplimenta s-servizz tal-Liġijiet ta` Malta li jistgħu
jinqraw kollha b`mod elettroniku f`www.justice.gov.mt
Biex is-sistema tkun sostnuta tajjeb u taqdi
aħjar lil min jużha, kull min jinnota problemi jew nuqqasijiet hu
mitlub jgħid bihom lill-amministratur tas-sistema.
Selezzjoni ta' Sentenzi
Is-Servizz jinkludi sentenzi li ngħataw minn 1944 'l quddiem. Deċiżjonijiet mogħtija min 1944 sa 2000 kienu diġa pubblikati f'kotba "Kollezzjoni ta' Deċiżjonijiet tal-Qrati Superjuri ta' Malta" (Mitbugħ minn Bonavia Offset Printers). Bħal issa hemm inizjattiva għaddejja li tagħżel sentenzi ta' interess li ngħataw mis-sena 2001 'il quddiem, u tindiċjhom.
Ma kienx s`issa possibbli li ssir
il-pubblikazzjoni tat-test sħiħ tas-sentenzi. Minflok qed nipprovdu
fil-qosor il-punti legali ewlenin deċiżi. Kull sentenza hi arkivjata
b`riferenza ta` kliem ewlieni, l-volum u l-paġna tal-pubblikazzjoni fejn
wieħed jista` jsib it-test sħiħ tas-sentenza.
Is-sistema tippermetti li wieħed jagħmel
tiftix avvanzat fost is-sentenzi, b`tiftix kodifikat, tiftix għal testi
sħaħ jew tiftix bi tqabbil ta` kliem differenti skond parametri li
jwaqqaf min qed juża s-sistema permezz ta` listi mħejjija li
jintużaw bl-akbar ħeffa.
Nitolbuk tinnota li indiċijiet tas-Siltiet tas-Sentenzi ma ġewx ippubblikati bejn is-snin 1967 u 1984.
Arkivju ta' Sentenzi 2001 'il quddiem
Dan hu arkivju tas-sentenzi kollha li ngħataw
mill-1 ta` Jannar 2001 'l hawn. Għalkemm din it-taqsima tista`
tintuża bħala għodda ta` tiftix, hi aktar maħsuba biex
tgħin lill-avukati fil-prattika billi ttihom aċċess mill-ewwel
għas-sentenzi malli jingħataw. L-arkivju jinkludi
d-deċiżjonijiet tal-Qrati kollha, Superjuri u
Inferjuri, Ċivili u Kriminali kif ukoll tat-Tribunali Ċivili
ewlenin.
Il-ħeffa ta` kemm iddum biex tingħata
s-sentenza u kemm iddum biex tixxandar elettronikament ser tiddependi minn kull
Qorti għax is-sentenza tidħol fl-arkivju malli jqiegħda hemm
id-Deputat Reġistratur. Jekk
l-uffiċjal jonqos milli jqiegħed is-sentenza fl-arkivju, is-sentenza
ma tkunx tidher online.
Din
is-sistema toffri l-opportunita' għal tiftix avvanzat fost is-sentenzi,
b`tiftix kodifikat, tiftix għal testi sħaħ jew tiftix bi tqabbil
ta` kliem differenti skond parametri li jwaqqaf min qed juża s-sistema
permezz ta` listi mħejjija li jintużaw bl-akbar ħeffa.
Sentenzi ta' l-Aħħar 12-il Xahar
Hawnhekk hawn miżmuma s-sentenzi kollha li ngħataw fl-aħħar 12-il xahar. Wieħed jista' juża dan is-servizz jekk ikun jaf li d-deċiżjoni ingħatat fl-aħħar 12-il xahar.
Sentenzi ta' l-Aħħar 15-il Ġurnata
Dan is-servizz joffri ġabra ta' testi sħaħ tas-sentenzi li jkunu ngħataw fl-aħħar ħmistax-il ġurnata mill-Qrati kollha. Din it-taqsima hija maħsuba biex toffri għajnuna partikolari lill-ġurnalisti li jirraportaw il-ħidma tal-Qrati kif ukoll għall-pubbliku in generali li jkun jixtieq iżomm ruħu aġġornat ma' l-aħħar sentenzi li jkunu ngħataw mill-Qrati.
Waqt illi qiegħed isir kull sforz biex tiġi żgurata l-korrettezza tal-paġni miġbura, kif ukoll tal-katalogar tagħhom, jista jkun hemm xi żbalji minħabba l-volum kbir ta' paġni li ser ikun hemm f'din is-sistema.
Napprezzaw l-għajnuna ta' dawk kollha li jkunu qegħdin jużaw dan is-servizz biex jiġu identifikati żbalji li għandhom jiġu korretti kif ukoll kull suġġeriment ieħor li jista jservi biex jitjieb il-livell ta' servizz li toffri s-sistema.
Tista' ukoll tibgħat kummenti u suġġerimenti billi tuża l-paġna "Ikkuntattja l-Esperti".
GĦAJNUNA | ENGLISH VERSION
|